NationalistEnvironment2026-04-30

PN Commitment to Protect Environment, Culture, and Reduce Traffic

PN candidates at a Ħal Għargħur campaign event call for a change in government direction, proposing improvements to the environment, a reduction in traffic congestion, shorter health waiting lists, and the safeguarding of Maltese cultural heritage and local identity.

88% positive8 reactions

Full source text

Pulled verbatim from the party press release. Not edited.

Show full text
Il-Kap tal-PN Alex Borg jindirizza attività politika f’Ħal Għargħur flimkien mal-kandidati tal-PN fuq id-Disa’ Distrett Determinati li flimkien, bħala tim, inġibu Nifs Ġdid fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex. Ninsabu preparati biex immexxu lil pajjiżna ’l quddiem. Waqa attività politika f’Ħal Għargħur fil-preżenza tal-kandidati tal-PN fuq id-Disa’ Distrett, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li diġà fl-ewwel jiem tal-kampanja, qed joħroġ ċar li għandna Gvern li mhux kapaċi jiddistingwi bejn gvern u partit u li qed ikompli juża flus il-poplu biex jagħmel il-propaganda tal-Labour. Alex Borg qal li l-media tal-Partit Laburista għaddejja b’kampanja negattiva ta’ attakki fuqu u fuq il-kandidati tal-PN għax jaħsbu li n-nies għadhom iridu din it-tip ta’ politika. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif kemm il-President tal-Labour kif ukoll id-Deputat Mexxej ta’ Robert Abela ftit ilu ċaħdu li kienet ġejja elezzjoni. Jiem wara Robert Abela ħabbar elezzjoni bikrija bl-iskuża tas-sitwazzjoni ġeo-politika. Alex Borg qal li l-ebda gvern ieħor madwar id-dinja ma sejjaħ elezzjoni bikrija b’din l-iskuża. Kien biss Robert Abela li għamel dan. Il-Kap tal-PN qal li r-raġuni vera li Robert Abela sejjaħ elezzjoni bikrija hija biss għax ra li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jissaħħaħ jum wara l-ieħor. Huwa qal li t-tim b’saħħtu ta’ kandidati tal-Partit Nazzjonalista u l-kuraġġ li qed jagħtuh in-nies li jiltaqa’ magħhom qed ikomplu jsaħħuh fid-determinazzjoni li jaħdem b’ħiltu kollha biex fit-30 ta’ Mejju l-Partit Nazzjonalista jagħti Nifs Ġdid lil dan il-pajjiż. Tul din l-attività għamlu interventi l-kandidati Nazzjonalista li se jikkontestaw fuq id-Disa’ Distrett li jinkludi Ħal Għargħur, l-Imsida, is-Swatar, Tal-Pietà, San Ġwann, il-Kappara, is-Swieqi, il-Madliena u Ta’ Xbiex. Graziella Attard Previ qalet li l-politika dejjem qisitha bħala opportunità li tkun ta’ servizz. Hija stqarret li temmen li pajjiżna għandu l-obbligu joffri opportunitajiet ugwali għal kulħadd. Graziella Attard Previ tkellmet ukoll dwar ix-xandir pubbliku fejn qalet li dan għandu d-dmir li jwassal għand il-pubbliku xarndir bilanċjat u fattwali – xi ħaġa li spiss ma tiġrix. Hija rringrazzjat lil kull min fl-imgħoddi taha l-fiduċja u qalet li jekk terġa’ tingħata l-fiduċja tal-poplu terġa’ tagħmel hilitha kollha biex b’ħidmietha tkompli ttejjeb il-ħajjiet tan-nies. Graham Bencini qal li l-Gvern kemm-il darba ftaħar b’ekonomija b’saħħitha. Imma nafu kemm żdiedu l-perusni f’riskju ta’ faqar. Il-Gvern spiss juża r-retorika li l-pensjonanti qegħdin jgħixu l-aqwa żmien, imma ma jgħidx kif 30% tal-anzjani tagħna jinsabu f’riskju ta faqar. Il-Gvern jifataħar bil-kwalità tal-ħajja imma kuljum nesperjenzaw it-traffiku u t-tniggis. Wasal il-mument għall-għażla – fuq naħa Robert Abela li jgħid ħaġa u jagħmel oħra u fuq in-naħa l-oħra Alex Borg – li jista’ jkun Prim Ministru enerġetiku li jbiddel id-direzzjoni ta’ pajjiżna. Eve Borg Bonello qalet li dawn l-erba’ snin kellha l-privileġġ li tirrappreżenta lill-poplu fil-parlament. Hija qalet li f’dawn is-snin tat l-enerġija kollha u talbet l-appoġġ biex tkun tista’ tkompli x-xogħol li bdiet, imma din id-darba fil-gvern. Hija qalet li tinsab konvinta li flimkien nistgħu nagħtu Nifs Ġdid lil Malta b’ambjent aħjar. Hija qalet li l-Partit Nazzjonalista jista’ jagħti dan in-Nifs Ġdid. Albert Buttigieg qal li s-slogan tal-Labour ifakkar fil-ħolm li għandhom ħafna li l-ġid jinqasam b’mod ġust, li l-ambjent ma jibqax fuq il-billboards imma jkun realtà, li ma jqattgħux aktar sigħat imwaħħla fit-traffiku. Imma ħafna qed jifhmu wkoll li filwaqt li l-Labour falla li jagħti dawn l-affarijet lin-nies, il-Partit Nazzjonalista jista’ verament ikun in-Nifs Ġdid li għandu bżonn il-pajjiż u talab il-fiduċja tan-nies biex jerġa’ jirrappreżentahom fil-Parlament u jkompli l-ħidma tiegħu. Marilena Gauci, kandidata ġdida tal-Partit Nazzjonalista, qalet li hu ta’ unur għaliha li qed tikkontesta fuq id-distrett ta’ raħal twelidha. Hija qalet li trid tagħmel il-parti tagħha biex tkompli tara li dan il-pajjiż jibqa’ jiddefendi l-valuri u li jagħti Nifs Ġdid lill-ħaddiema tagħna, lill-familji, lill-anzjani u liż-żgħażagħ. Hija qalet li l-Partit Nazzjonalista jrid joffri lil kull Malti u Għawdxi ħajja isbaħ f’pajjiżna. Irridu li pajjiżna jkun l-għira ta’ kulħadd. Beppe Fenech Adami qal li hu ta’ unur għalih li jikkontesta fuq dan id-distrett. Huwa qal li l-ewwel ftit jiem tal-kampanja diġà bdew jikxfu d-differenza bejn iż-żewġ partiti. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ħareġ viżjoni ċara għas-saħħa tan-nies, tal-Labour ħarġu jikkritikaw din il-viżjoni. Dan meta fi 13-il sena ħallew is-saħħa tal-Maltin taqa’ biċċiet. Partit Laburista li mhux kapaċi jagħmel aktar minn erba’ snin fil-Gvern. Huwa qal li dan hu l-mument – iċ-ċans li nibdlu d-direzzjoni tal-pajjiż. Ċans li ma nibqgħux ngħixu fil-medjokrità. Ċans li jkollna pajjiż aħjar. Joe Giglio irringrazzja lil dawk preżenti għal-laqgħa mimlija entużjażmu li timla lill-kandidati bil-kuraġġ. Dan l-entużjażmu hu konsegwenza tal-ħidma u l-enerġija ta’ Alex Borg bħala Kap – Kap li qed jaħdem qatigħ biex dan il-pajjiż jagħti Nifs Ġdid liż-żgħażagħ, lill-familji, lill-anzjani. L-enerġija ta’ Alex Borg qed tkompli timla lill-kandidati b’ħeġġa u kuraġġ li flimkien nistgħu inbiddlu lil pajjiżna u nagħtu lin-nies ħajja aħjar f’Malta tagħna. Jonathan Muscat, kandidat ġdid tal-PN, qal li hu ġej minn ġenerazzjoni li tiftakar iż-żmien ikrah tat-tmeninijiet, in-nifs ġdid li ġabu magħhom id-disgħinijiet, u r-riħ tal-bidla u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Huwa qal li llum reġa’ wasal iż-żmien li nbiddlu d-direzzjoni tagħna u li kien propju għalhekk li ħass li kellu jaċċetta l-istedina ta’ Alex Borg li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista. Hu qal li biex inġibu l-bidla li hemm bżonn, kulħadd irid jagħmel il-biċċa tiegħu u appella biex nhar it-30 ta’ Mejju kulħadd jagħmel dmiru għal Malta aħjar. Noel Muscat qal li pajjiżna għandu bżonn Nifs Ġdid. Hu qal li dan hu l-mument għal Nifs Ġdid għall-ambjent li f’dawn l-aħħar snin ġie sfreġjat, għall-kunsilli li twarrbu kompletament minn dan il-Gvern, għall-anzjani li qed iħossu l-piżijiet u għaż-żgħażagħ li qed jaqtgħu qalbhom. Hu qal li taħt id-direzzjoni tal-Kap tal-PN Alex Borg nistgħu flimkien nagħtu n-Nifs Ġdid li tant jeħtieġlu pajjiżna u appella biex fl-elezzjoni li jmiss il-poplu jafda lill-Partit Nazzjonalista bit-tmexxija għall-ħames snin li ġejjin. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonaalista Alex Perici Calascione qal li l-vot li se nitfgħu nhar it-30 ta’ Mejju se jkun vot importanti għax bih se nagħżlu x’tip ta’ Malta rridu ngħixu fiha aħna u x’tip ta’ Malta rridu nħallu lil uliedna u l-ġenerazzjonijiet li jmiss. Hu qal li fl-aħħar 13-il sena ma sarx kollox ħażin. Imma llum qed ngħixu f’pajjjiż fejn kollox jgħaddi u fejn il-valuri li drajna bihom qed jitnawru. Fejn dak li hu inskużabbli qed jiskużawh u jippruvaw jispjegawh. Din hi l-għażla li rridu nagħmlu. Huwa qal li Alex Borg jispirah mhux biss bl-enerġija li għandu imma aktar u aktar bl-imħabba li għandu għall-pajjiż u bil-ħidma li qed iwettaq. Dan hu n-Nifs Ġdid li l-Partit Nazzjnalista jrid jagħti lill-pajjiż. Charles Selvaggi qal li spiss in-nies jgħidulu li hemm bżonn bidla – bidla għal ambjent aħjar, bidla biex ma nibqgħux imwaħħlin fit-traffiku, bidla biex ma nibqgħux nistennew fil-waiting lists. Bidla minn Gvern li ħalla s-saħħa għal riħha. Bidla minn Gvern li s-soluzzjoni tiegħu għat-traffiku kienet il-flyovers bħal dik tal-Imsida li ma solviet xejn. Hu qal li issa l-Labour irid iwaħħal il-pontijiet li se jkomplu jnaqqsu l-aċċess lin-nies. Charles Selvaggi qal li jekk ir-residenti jridu garanzija għal ambjent aħjar fil-lokalità tagħhom, nhar it-30 ta’ Mejju għandhom jagħtu l-vot tagħhom lill-Partit Nazzjonalista. Julie Zahra tkellmet dwar l-importanza li nkomplu nissalvagwardjaw il-kultura u l-identità tagħna u tal-lokalitajiet. Li nkomplu nħarsu t-talent Malti, il-każini, il-festi u dak kollu li jiddistingwina mill-kumplament tad-dinja. Julie Zahra qalet li Gvern Laburista sparpalja ħafna flus fejn seta’ minflok jinvesti biex iħares il-wirt tagħna. Hija qalet li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem b’ħiltu kollha biex iħares kemm l-ambjent naturali kif ukoll il-kultura u l-identità ta’pajjiżna u li jekk terġa’ tingħata l-fiduċja hi se tkompli taħdem għal Malta aħjar. F’kelmtejn li għamel, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello qal li d-dmir ta’ partit hu li jisma’ lill-poplu u li dan hu l-mument li qed isejjaħ lil kull min jemmen f’pajjiżna biex kull wieħed minna jagħmel il-pass ’il quddiem biex ilkoll flimkien wara Alex Borg nagħtu lil pajjiżna bidla fid-direzzjoni li hemm bżonn. Il-Parti Nazzjonalista jkompli bl-attivitajiet tiegħu għada l-Ewwel ta’ Mejju b’Mass Rally ta’ Jum il-Ħaddiem ħdejn it-Torri ta’ Ħal Lija fil-5pm. 30.04.2026

Read the original release at pn.org.mt/determinati-li-flimkien-naghtu-nifs-gdid-lil-malta-u-ghawdex/

SponsoredBrain.mt