Show full text
MANIFEST PL: SERVIZZI ĠODDA GĦAS-SAĦĦA MENTALI FL-ISKEJJEL TERZJARJI
Se jkunu qed jibdew jingħataw servizzi ġodda ta’ saħħa mentali fl-MCAST, il-Junior College u l-Università ta’ Malta fejn l-istudenti se jkunu jistgħu jipparteċipaw f’workshops dwar stress, sleep u time management, jitkellmu f’peer support groups u jirrikorru għal terapija individwali f’każ ta’ ansjetà kbira, dipressjoni, trawma jew eating disorder.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt it-tnedija tal-kampanja elettorali ta’ Żgħażagħ Laburisti għall-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju li ġej bit-tema ‘Good Politics For Our Future’.
Waqt attività li ġabret mijiet ta’ żgħażagħ, il-Prim Ministru faħħar il-ħidma ta’ Żgħażagħ Laburisti, filwaqt li għal darb’oħra aċċenna l-impenn tal-Partit Laburista, li jkompli jigverna fl-interss ta’ kull individwu Malti u Għawdxi, irrispettivament int min int, għax int Malta, u l-ħolma tiegħek, hi l-proġett tagħna.
“U jekk ningħataw il-fiduċja fit-30 ta’ Mejju se nkunu qed nagħmlu investiment qawwi f’sensiela wiesgħa ta’ servizzi ġodda relatati mas-saħħa mentali kemm fil-Junior College, kemm fl-Università ta’ Malta, kif ukoll fl-MCAST.”
IL-PRIM MINISTRU ROBERT ABELA
Dr Abela ta elenku ta’ diversi proposti li diġà tħabbru mill-Partit Laburista fl-aħħar jiem, fosthom iż-żieda fl-istipendi, l-iskemi My First Home u Our Second Home.
Apparti minn hekk, il-Prim Ministru ħabbar ukoll li se jkun qed jiżdied il-finanzjament iddedikat għall-Culture Pass sabiex aktar studenti minn aktar skejjel primarji, sekondarji u post sekondarji jkollhom aċċess għall-arti.
“Se nsaħħuħ bis-saħħa, għax nemmen ħafna fil-valur tal-kultura, imma dak li se nkunu qed nagħmlu għal dawk l-istudenti li jkunu għaddew mil-fażi post-sekondarja, jiġifieri għal żgħażagħ ta’ bejn it-18 u 21 sena se nintroduċu arts pass, li fih se ninvestu mitejn ewro kull sena, biex aktar żgħażagħ ikollhom l-opportunità jattendu events relatati mal-arti u l-kultura.”
IL-PRIM MINISTRU ROBERT ABELA
Intant, Dr Abela temm għal darb’oħra b’assigurazzjoni li Gvern Laburista jkomplu jkun miegħek f’kull pass tal-ħajja.
Wassal ukoll l-intervent tiegħu l-President ta’ Żgħażagħ Laburisti Miguel Abela li nnota l-inizjattivi li qed isiru biex iħejju proposti innovattivi.
Il-President ta’ Żgħażagħ Laburisti fakkar fil-liġi għaqlija ta’ Gvern Laburista li tagħti s-saħħa liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena u 17-il sena, sabiex jipparteċipaw b’mod attiv fid-demokrazija, permezz tal-vot.
Huwa aċċenna sabiex kulħadd jaqsam il-ħsibijiet tiegħu mal-Partit Laburista għax dan hu partit tan-nies, li jara l-preżent u anke l-futur ta’ ġenerazzjonijiet ilkoll bħala prijorità.
“Issa l-ħolma tal-Partit Laburista rridu nagħmluha r-realtà li ngħixu aħna ta’ kuljum, u dik irridu nagħmluha bil-vot tagħna fit-30 ta’ Mejju. Għaliex jimpurtana minn dan kollu, aħna se nikkonvinċu, ħa noħorġu nivvutaw, ħa nġibu iżjed nies magħna. Fit-30 ta’ Mejju li ġej, se nagħżlu good politics for our future. Grazzi.”
MIGUEL ABELA
Read the original release at one.com.mt/manifest-pl-servizzi-godda-ghas-sahha-mentali-fl-iskejjel-terzjarji/