Show full text
Alex Borg iħabbar proposti ġodda biex titneħħa t-taxxa fuq il-wirt, is-suċċessjoni fuq wirt tan-negozji tal-familja u fuq id-donazzjoni ta’ proprjetà mill-ġenituri lill-ulied F’Birkirkara jiċħad kategorikament l-allegazzjonijiet ta’ Abela – “Għalkemm fl-imgħoddi kellna Prim Ministri mdorrijin jikkonsultaw mal-kriminali, jien jikkonsulta mal-poplu Malti” “Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-underdog. Waħdi mhux se nasal. Imma flimkien magħkom aħna forza rebbieħa. Flimkien se nagħtu Nifs Ġdid lil dan pajjiżna” Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħti Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex b’ekonomija li toħloq il-ġid, tħalli aktar flus fil-bwiet tan-nies u ttaffi l-piżijiet fuq il-familji. Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi t-taxxa fuq kull trasferiment ta’ proprjetà minn wirt, ineħħi t-taxxa fuq it-trasferiment ta’ negozji tal-familja li jgħaddu b’wirt, u jneħħi t-taxxa fuq proprjetà li tingħata bħala donazzjoni mingħand ġenituri lill-ulied jew lin-neputijiet. Hekk kif qed tkompli l-kampanja elettorali bit-tema Nifs Ġdid, f’Rally f’Birkirkara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li dawn it-tliet proposti se jgħinu lill-familji, liż-żgħażagħ u lin-negozji tal-familja, filwaqt li jneħħu inġustizzja li għal snin twal tefgħet piż fuq nies li jkunu għadhom kif tilfu lil xi ħadd għażiż. Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li dawn il-proposti jwettaqhom. “Dak li ħdimtu għalih u għal snin twal ittieħed minn fuqkom, aħna se nagħtuhulkom lura,” qal Alex Borg. “Dawn it-taxxa jsiru xi ħaġa tal-passat.” Alex Borg qal din hi proposta oħra ta’ Partit Nazzjonalista li jaf fejn irid jieħu lil Malta wara t-30 ta’ Mejju. Hu qal li bħalma Eddie Fenech Adami kellu ħolma ta’ Malta Ewropea, u bis-saħħa tan-nies wettaq dan il-proġett, illum il-PN qed jippreżenta viżjoni ċara biex pajjiżna jerġa’ jkollu direzzjoni, tama u futur. Fit-30 ta’ Mejju rridu niddeċiedu irridux more of the same jew hux se nwettqu dan il-proġett sabiħ. Alex Borg qal li fl-aħħar xhur sema’ lill-familji, liż-żgħażagħ, lill-anzjani, lill-ħaddiema u lil min iħaddem. Minn dawn il-laqgħat ħareġ messaġġ ċar: in-nies iridu pajjiż ġust, fejn min jaħdem ilaħħaq mal-ħajja, fejn iż-żgħażagħ jistgħu jixtru darhom, fejn il-morda jingħataw kura fil-pront, fejn l-anzjani jgħixu b’dinjità u fejn l-ambjent u l-art pubblika jkunu tassew tan-nies. Il-Kap tal-PN qal li Robert Abela kellu 13-il sena biex ibiddel il-pajjiż għall-aħjar, iżda minflok ħalla pajjiż b’aktar pressjoni, aktar għoli tal-ħajja u inqas tama. Għalhekk, qal Alex Borg, issa wasal iż-żmien li flimkien nagħmlu l-bidla li l-pajjiż għandu bżonn. Alex Borg spjega li l-viżjoni ekonomika tal-Partit Nazzjonalista hija bbażata fuq niċeċ ġodda ta’ valur miżjud li ma jpoġġux pressjoni żejda fuq il-popolazzjoni, fuq il-familji u fuq l-infrastruttura. Fost dawn hemm il-Mediterranean Maritime Fuel Hub, li hu stmat li jiġġenera madwar €450 miljun fl-ekonomija Maltija fl-ewwel tliet snin; l-investiment fid-Data, l-AI u New Space, li hu mistenni jrendi madwar €100 miljun fl-ewwel ħames snin; u l-proġett PORT – Distrett Kulturali fil-Marsa, b’investiment ta’ €350 miljun fl-ekonomija kreattiva li jista’ jirrendi madwar €110 miljun fis-sena. “Aħna dak li qed inwegħdukom mhux se nħalluh fuq il-karta bħalma għamel ħaddieħor, imma se nwettquh”. Dwar l-allegazzjonijiet li għamel Robert Abela fuq il-proposta tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub, Alex Borg qal li jekk il-Prim Ministru għandu xi informazzjoni serja, għandu d-dmir li jmur biha għand il-Kummissarju tal-Pulizija. Huwa ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet ta’ Abela u qal li għalkemm fl-imgħoddi kellna Prim Ministri mdorrijin jikkonsultaw mal-kriminali, hu jikkonsulta mal-poplu Malti. Il-Kap tal-PN qal li din il-proposta tfasslet b’reqqa minn inġiniera, ekonomisti u esperti fil-liġi marittima, u ġiet appoġġjata wkoll mill-Malta Maritime Forum – professjonisti fil-qasam marittimu. Huwa qal li l-proposta tal-PN iġġib ordni, sigurtà u regolamentazzjoni fiż-żona ta’ Hurd’s Bank. Il-Kap tal-PN temm jgħid li fit-30 ta’ Mejju l-poplu għandu ċans jagħżel politika ġdida: politika li tisma’, tifhem u twettaq; politika li ma tħalli lil ħadd lura. “Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-underdog. Waħdi mhux se nasal. Imma flimkein magħkom aħna forza rebbieħa. Flimkien se nagħtu Nifs Ġdid lil dan pajjiżna”. Indirzzaw din l-attività wkoll Desirei Grech, Sindku ta’ Birkirkara u Amy Camilleri Zahra, lettur fl-Università ta’ Malta. Desirei Grech bdiet billi sellmet lil Eddie Fenech Adami, li minn Birkirkara mexxa lil Malta u welled Malta Ewropea. Hija tkellmet dwar sitwazzjoni surreali li żvolġiet fil-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara. Sentejn ilu l-PN kiseb il-maġġoranza f’Birkirkara u għal sentejn sħaħ kull xahrejn irid jittieħed vot biex jikkonferma s-sindikat. U minkejja li l-Gvern seta’ jsolvi din is-sitwazzjoni b’emenda żgħira fil-liġi, għax il-Labour ma kienx jaqbillu, il-Gvern baqa’ ma għamel xejn. Hija qalet li minkejja kollox hi baqgħet taħdem bla waqfien biex ir-residenti ta’ Birkirkara ma jbatux. Semmiet il-mod kif dan il-Gvern neżża’ lill-kunsilli minn kull saħħa li jmexxu l-lokalità kif suppost għax irid iżomm il-kontroll hu. Hi tkellmet ukoll fuq il-Malta li rridu nħallu warajna u bħala omm faħħret il-proposta tal-PN taċ-Child Trust Fund għax tixhed kemm il-Partit Nazzjonalista jaħseb mhus biss għal-lum imma għall-futur. Hija qalet li dan hu n-Nifs Ġdid li rridu għal pajjiżna. Amy Camilleri Zahra, li kienet mistiedna tindirizza dan ir-rally, qalet li meta jgħidu li l-ekonomija sejra tajjeb, ħafna ma jqisux jekk dan hux itejjeb il-ħajja tan-nies. Hi semmiet studji li juru kif għad għandna kwart tal-popolazzjoni f’riskju tal-faqar, kif il-ħaddiema Maltin huma fost l-aktar stressjati. Nafu kemm iż-żgħażagħ qed ibatu biex jixtru darhom. Dan jixhed kif ekonomija b’saħħitha ma tfissirx kwalità ta’ ħajja tajba u li n-numri ma jfissrux ħajja serena. Il-Prodott Gross Domestiku ma jiswa xejn jekk bilkemm għandek ħin għal uliedek, jekk l-ambjent mhux miżmum, jekk tagħmel siegħa tfittex fejn tipparkja wara ġurnata xogħol, jew li ma tistax tgħix fit-trankwillità minħabba storbju, jew li ma tistax tgawdi ħajtek minħabba nuqqas ta’ aċċessibilità. Hija qalet li jeħtieġ ekonomija li twassal – waħda li tagħti salarji ġusti, servizzi tas-saħħa affidabbli, mediċini ta’ kwalità, komunitajiet siguri, ambjent nadif u edukazzjoni soda. Hija faħħret il-miżuri studjati li ressaq il quddiem il-PN fosthom dawk għall-ekonomija kreattiva, għal kontijiet li ma jkissrukx, għal infrastruttura soda fis-saħħa, għal investiment fl-istudenti. Hija temmet tgħid li t-tkabbir huwa importanti, imma l-prosperità ma titkejjilx b’kemm jipproduċi l-poplu. Hija qalet li rridu nkompu noħolqu poplu b’saħħtu u sigur b’tama ġdida għall-ġejjieni.
Read the original release at pn.org.mt/en/gvern-gdid-nazzjonalista-jnehhi-t-taxxa-tal-wirt-is-successjoni-u-d-donazzjoni-tal-proprjeta-u-jibni-ekonomija-li-trendi-ghan-nies/