Show full text
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jiżvela kif Robert Abela għamel “no show” fl-Ewropa u “no show” quddiem il-poplu Malti u Għawdxi; fiż-Żurrieq jgħid li din hi elezzjoni bejn Partit Laburista ggranfat mal-poter u Partit Nazzjonalista b’viżjoni għan-nies Il-viżjoni tagħna fl-enerġija se tagħti Nifs Ġdid lill-familji, lil dawk li jgħixu waħidhom, lill-bdiewa, lir-raħħala u lill-għaqdiet volontarji, inkluż il-każini. U mill-ewwel ta’ Jannar dawn jibdew jirċievu kontijiet tad-dawl orħos. Waqt attività politika fiż-Żurrieq, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista se jiżgura li ħadd ma jibqa’ lura. Hu qal li dak li ħabbar sa issa l-PN huwa biss il-bidu u fil-jiem li ġejjin in-nies se jkunu jistgħu jaraw il-viżjoni sħiħa li għandu l-Partit Nazzjonalista għall-oqsma kollha. “Qalulna li m’aħniex ippreparati. Araw xi proposti qed inressqu. Qalulna m’għandniex biex immexxu. Araw x’tim ta’ kandidati għandna lesti biex imexxu lill-pajjiż ’il quddiem”. Alex Borg qal li Robert Abela sejjaħ elezzjoni bikrija sena qabel iż-żmien bl-iskuża tas-sitwazzjoni internazzjonali, iżda llum stess għamel “no show” f’Summit Ewropew fejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea ddiskutew l-isfidi globali attwali, fosthom l-Ukrajna u l-impatt tas-sitwazzjoni fl-Iran. Dan juri biċ-ċar li lanqas Robert Abela stess ma jemmen fl-iskuża li ħareġ biha biex isejjaħ elezzjoni bikrija. “Dan mhux Robert Abela li jservi lill-poplu, iżda Robert Abela li jisserva bil-poplu,” qal Alex Borg. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, minflok mar jiddefendi l-interessi ta’ Malta madwar il-mejda Ewropea, Robert Abela abdika mir-responsabbiltà tiegħu. Filwaqt li Robert Abela għażel li ma jmurx, Malta kellha lil Roberta Metsola tmexxi l-aġenda Ewropea u taħdem biex tissalvagwardja l-interessi ta’ pajjiżna. Alex Borg qal li n-“no show” ta’ Robert Abela fl-Ewropa mhux l-uniku wieħed. Dan għax għażel “no show” ukoll quddiem il-poplu Malti u Għawdxi, wara li rrifjuta dibattitu politiku miegħu fuq il-PBS minkejja li kien aċċetta d-dibattitu fuq Xtra ma’ Saviour Balzan, wara li kienet tħabbret id-data u ħarġu anke r-reklami. Alex Borg qal li hu lest għal kull dibattitu meta jsejħulu l-ġurnalisti. Robert Abela ma jridx jiddibatti għax ma jridx iħabbat l-ideat, għax ma jridx jagħti lin-nies l-opportunità jisimgħu, jixtarru u jagħżlu lil min iridu jmexxi lil pajjiżna fil-ħames snin li ġejjin. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din mhix elezzjoni bejn żewġ persuni, iżda elezzjoni bejn Partit Laburista li jrid iżomm il-poter akkost ta’ kollox u Partit Nazzjonalista li jrid imexxi lil Malta u Għawdex ’il quddiem b’viżjoni ċara. Alex Borg qal li fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja rajna lil Robert Abela f’paniku, jitfa’ proposti bla ħsieb, bla direzzjoni u bla kalkolu, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kien iffukat u beda joħroġ il-viżjoni tiegħu b’mod serju u pass pass. Viżjoni ċara fis-saħħa, għal Għawdex u viżjoni ċara fl-enerġija. Fost il-proposti mħabbra diġà mill-Partit Nazzjonalista hemm il-viżjoni għas-saħħa, it-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl b’medja ta’ 30% għall-familji u għal dawk li jgħixu waħidhom, tnaqqis ta’ 15% għall-bdiewa, ir-raħħala u l-għaqdiet volontarji, investiment ta’ madwar €60 miljun f’pannelli solari, u żieda ta’ 25% fl-istipendji tal-istudenti. Alex Borg qal li l-viżjoni tiegħu hija għal Malta fejn l-ekonomija taqdi lill-persuna, lill-familja u lill-komunità; Malta fejn ix-xogħol iħallas aħjar; fejn iż-żgħażagħ ikollhom ċans jixtru darhom u jibnu futur f’pajjiżhom; fejn it-tkabbir jagħti nifs u mhux ansjetà; u fejn il-Gvern ikun pont li jgħin lin-nies jimxu ’l quddiem. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lill-poplu biex ikompli jwassal il-messaġġ ta’ Nifs Ġdid. “Ingħaqdu magħna, Dan hu l-Mument biex flimkien nagħtu Nifs Ġdid lil Malta tagħna,” temm jgħid Alex Borg. Waqt din l-attività għamlu l-interventi tagħhom ukoll il-kandidati tal-PN Jonathan Muscat u Mark Anthony Sammut. Jonathan Muscat qal li huwa ċar li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista ħallew impatt għax Miriam Dalli – li fl-aħħar snin kienet responsabbli għall-enerġija – malajr ippruvat tiskreditahom. Huwa qal li l-miżuri li ħabbar il-PN fl-enerġija ġew imfassla minn tim ta’ professjonisti u se jkunu qed itejbu l-ħajjiet ta’ ħafna nies. Hu semma kif tal-Labour sabu biljun ewro f’fondi Ewropej, tħanżru kemm felħu u nsew lin-nies. U tant insew, li nsew ukoll il-kuntratt għall-provvista tal-gass għall-powerstation li se jiskadi erba’ xhur oħra. Min-naħa tiegħu Mark Anthony Sammut qal li l-miżuri li ħabbar il-Partit Nazzjonalista fl-enerġija mhux se jagħtu soluzzjoni ta’ darba imma soluzzjoni fit-tul li tħalli aktar flus fil-bwiet tan-nies. Huwa qal li Gvern Nazzjonalista se jneħħi l-ispiża tal-kera tal-meter ta’ kull dar – mal-228,000 kont residenzjali. Spjega wkoll kif minflok ma l-irħas rata tkun tapplika għall-ewwel 2,000 unit, tibda tapplika għal 6,000 unit. Persuna li tgħix waħidha se tibbenefika minn aktar roħs hekk kif se tibbenefika mill-eko-riduzzjoni aktar faċilment. Dan ifisser li persuna waħidha se tara roħs sa 42% fil-kont tad-dawl tagħha. Il-bdiewa u r-raħħala wkoll se jkunu eżentati mill-ħlas tal-kirja tal-meter fl-għelieqi tagħhom – roħs ta’ bejn €120 u €360. Dan minbarra skont ta’ 15% fuq it-tariffa li qed iħallsu llum. L-għaqdiet volontarji – għaqdiet li jaħdmu mal-annimali, fl-isport, fil-qasam kulturali u t-tradizzjonijiet – se jgawdu wkoll minn skont ta’ 15% fil-kont u se jkunu wkoll eżentati mill-ħlas tal-kera. Mark Anthony Sammut qal li dan kollu huwa studjat u mhux kif qalu tal-Labour li ma sarux il-kalkoli tajbin. Ma jagħmilx kalkoli tajbin min tliet xhur u nofs qabel ma jiskadi l-kuntratt tal-provvista tal-gass ma jafx kemm se jkun qed iħallas għalih; min seraq lill-poplu fuq il-kontijiet għal snin sħaħ; min meta l-PN tkellem dwar is-serq fl-eko-riduzzjoni qal li dan ma kienx minnu, imma mbagħad kellhom iroddu lura flus fuq eluf ta’ kontijiet. Huwa qal li l-Partit Laburista qed jaħseb għalik biex int tħallas inqas u tgħix aħjar. Għamel intervent ukoll Malcolm Zammit, inġinier li kien ukoll President tal-Kamra tal-Inġiniera, u li tkellem dwar ir-rabta bejn enerġija affordabbli u nadifa u s-security of supply. Huwa qal li s-sostenibbiltà hija importanti ħafna għall-gżejjer tagħna – kemm ekonomikament u kemm għan-nies. Sostna li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għal qalba sostanzjali għal enerġija rinovabbli tgħaddi messaġġ ċar u tagħti direzzjoni lill-bqija tal-pajjiż biex issir qalba lejn enerġija nadifa. Huwa faħħar il-proposta li jintużaw binjiet pubbliċi bħal skejjel, parkeġġi u oħrajn għal dan il-għan u li ma titteħidx art agrikola għal dan. Malcolm Zammit għalaq billi qal li b’investiment fl-enerġija rinnovabbli nkunu qed niġġieldu t-tibdil fil-klima. Huwa faħħar ukoll l-għajnuna li dawn il-miżuri se jagħtu lill-volontarjat u awgura li dawn il-proposti jiġu attwati. 04.05.2026
Read the original release at pn.org.mt/bvizjoni-cara-nkomplu-nipprezentaw-aktar-proposti-bsahhithom-ghalik/