Show full text
F’Rally f’Bormla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iħabbar proposta ewlenija oħra, issa fil-qasam tal-enerġija. Jindirizza l-attività wkoll Ryan Callus li jelenka l-u-turns tal-Labour u jispjega kif Abela issa qed jikkopja dak li qed joħroġ bih il-PN u li qabel kien kontrih Gvern ġdid Nazzjonalista se jraħħas il-kontijiet tad-dawl b’medja ta’ 30% għall-familji u dawk kollha li jgħixu waħedhom. Il-kelma tiegħi hi kuntratt – we will deliver. Waqt mass rally f’Bormla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar miżura oħra importanti għan-nies, din id-darba fil-qasam tal-enerġija. Din il-miżura hija waħda studjata sew u vverifikata minn tim ta’ kandidati, professjonisti u teknokratiċi, u Alex Borg qal li din se tkun paġna oħra fil-kuntratt li qed jagħmel mal-poplu Malti u Għawdxi. Alex Borg qal li fl-aħħar ġimgħat u xhur sema’ u fehem ir-realtajiet ta’ ħafna familji li qed iħossu l-piż tal-għoli tal-ħajja, tal-kontijiet u tal-flus li ma jibqgħux fil-but. Għalhekk, qal, il-Partit Nazzjonalista qed iressaq proposta li tmiss direttament il-ħajja tan-nies. “Nixtieq inħabbar li Gvern Nazzjonalista se jkun qed iraħħas il-kontijiet tad-dawl b’medja ta’ 30% għall-familji tagħna. Se nagħmlu dan billi nżommu s-sussidju tal-enerġija, u fil-jiem li ġejjin se nispjegaw kif din il-miżura se tkun iffinanzjata u kif se taħdem,” qal Alex Borg. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din il-proposta ma nħolqitx b’kapriċċ jew b’għaġla, iżda hija frott xhur ta’ ħidma minn tim ta’ nies kompetenti li qed jibnu viżjoni serja għal Malta u Għawdex. Huwa qal li sa mill-ewwel jum tal-kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista wera li huwa lest, ippreparat u mimli enerġija. Fakkar li f’dawn l-ewwel ġranet tal-kampanja, il-PN diġà ħabbar proposti kbar fis-saħħa, fl-edukazzjoni, għall-ħaddiema, għall-familji, għall-istudenti, għall-professjonisti u għal Għawdex. Fost dawn, Alex Borg semma l-pjan tal-PN biex tinbena kullana ta’ sptarijiet madwar Malta u Għawdex: sptar ġdid fit-Tramuntana b’250 sodda, sptar ġdid f’Għawdex b’400 sodda, it-trasformazzjoni tal-Paola Hub fi sptar b’250 sodda, investiment f’Mater Dei u l-bini ta’ National Health Park b’60 sodda. Huwa semma wkoll iż-żieda fl-istipendji għall-istudenti fis-settur tas-saħħa li jitilgħu għal madwar €1,000 fix-xahar, żieda ta’ 25% fl-istipendji tal-istudenti kollha, ħames snin bla taxxa għal professjonisti tas-saħħa li jirritornaw Malta, tneħħija tat-taxxa minn fuq l-ewwel €10,000 li l-ħaddiem idaħħal minn xogħol part-time u overtime, Child Trust Fund ta’ €5,000 għal kull wild, u screening b’xejn tas-saħħa fiżika u mentali għall-ħaddiema u s-self-employed. Dwar Għawdex, Alex Borg fakkar li l-Partit Nazzjonalista qed iressaq 110 proposti konkreti biex Għawdex jingħata Nifs Ġdid u biex l-Għawdxin ma jibqgħux jitħallew bħala afterthought. Alex Borg qal li l-PN għandu storja ta’ politiċi ta’ stoffa li għamlu bidliet kbar fil-pajjiż, iżda huwa wkoll partit li dejjem iġġedded u li llum qed iressaq quddiem il-poplu ġenerazzjoni ġdida ta’ politiċi mimlija enerġija, flimkien ma’ nies b’esperjenza. Fid-diskors tiegħu huwa sellem ukoll lill-politiċi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li taw snin twal ta’ servizz lill-Partit u lill-pajjiż u li għażlu li ma jerġgħux jikkontestaw. Minkejja li dawn mhux se jibqgħu fil- front line , dawn għadhom qed jagħtu sostenn imprezzabbli biex il-Partit Nazzjonalista jkun fil-gvern. Minn Bormla, Alex Borg sellem b’mod partikolari lill-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici u lill-familja Mifsud Bonnici għas-servizz kbir li taw lill-Partit Nazzjonalista u lill-politika Maltija. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din l-elezzjoni bikrija, imsejħa sena qabel iż-żmien minn Robert Abela wara 13-il sena ta’ Gvern Laburista, hija mument ta’ għażla nazzjonali. Huwa qal li l-poplu għandu jagħżel bejn ħames snin oħra ta’ traffiku, għoli tal-ħajja u grupp ta’ nies li jkunu ilhom 18-il sena fil-poter, jew inkella tim ġdid, ġenerazzjoni ġdida u Nifs Ġdid għal Malta u Għawdex. “Il-politika hija dwar in-nies. Għall-Partit Nazzjonalista, il-politika dejjem kienet dwar in-nies. Kienet dwar in-nies meta wellidna Malta Indipendenti, kienet dwar in-nies meta ksibna Malta Ewropea, u hija dwar in-nies illum meta rridu nagħtu Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex”. Alex Borg saħaq li Gvern Nazzjonalista jidħol Kastilja biex jaqdi l-ħtiġijiet tan-nies, u li l-bibien ta’ Kastilja jkunu miftuħin għal kulħadd kuljum, minn filgħodu sa filgħaxija. Hekk tkun il-politika ta’ servizz. Huwa appella lil dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fil-passat, lil dawk li qed jaħsbu li ma jivvutawx, u liż-żgħażagħ li se jivvutaw għall-ewwel darba, biex jużaw il-vot tagħhom għal bidla vera. “Dan hu l-mument li tagħmel il-bidla. Dan hu l-mument li tkun parti minn dan in-Nifs Ġdid għal pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-underdog, bikom magħna nistgħu naslu. Pajjiżna għandu bżonn ġenerazzjoni ġdida ta’ politiċi. Pajjiżna għandu bżonn Nifs Ġdid. Dan hu l-mument tiegħek”. Indirizza dan ir-rally wkoll Ryan Callus li qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku partit kredibbli għal Malta. Huwa qal li tul dawn l-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista wera bil-fatti li huwa partit kredibbli, b’ideat li llum il-Partit Laburista qed jipprova jikkopja wara li jkun ilu jirridikolahom jew jivvota kontrihom. Huwa semma kif fil-Parlament il-Labour ivvotra kontra proposti tal-PN favur il-work-life balance, fosthom estensjonijiet fil-maternity leave, paternity leave u parental leave, biex illum qed jitkellem dwar żieda fil-leave tal-maternità. Fakkar kemm tal-Labour ippruvaw jirredikolaw il-proposta tal-PN għal konsultazzjoni dwar il-four-day week. Illum qed jipproponu l-istess ħaġa. Fl-aħħar jiem tal-labour iddieħqu bil-viżjoni tal-PN għas-saħħa – qasam fejn il-Labour għandu kredibbiltà zero wara li berbaq il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro u ħalla lill-poplu bla sptarijiet. Tal-Labour qed jippruvaw jirredikolaw anke l-proposta tal-PN li l-mediċini għall-kura tal-kanċer jingħataw b’xejn, għaliex persuna li tkun qed tiffaċċja l-kanċer m’għandhiex tkun imġiegħla tinkwieta jekk tiflaħx taffordja l-mediċina tagħha. Ryan Callus qal li b’Alex Borg Prim Ministru, il-mediċini tal-kanċer ordnati mill-konsulent jingħataw b’xejn. Ryan Callus qal li l-Labour fil-Gvern tilef kull kredibbiltà anke mal-Għawdxin. Wara li ħallewhom għal snin sħaħ b’vapur karakka, issa tal-Labour qed iwiegħdu żewġ vapuri ġodda. Kieku Robert Abela kellu verament għal qalbu l-Għawdxin kien jinvesti l-flus li rema fuq in-Nicolaos biex jibni vapur ġdid, mhux ħela l-flus u l-ħin. Ryan Callus tkellem ukoll dwar il-u-turns kontinwi li għamel il-Labour fil-gvern fis-saħħa mentali. Wara li l-PN kien ippropona sptar ġdid għas-saħħa mentali qrib Mater Dei, il-Gvern Laburista kien mar jiġri quddiem il-kameras jgħid li se jagħmlu. Ftit wara qal li m’hemmx bżonnu u li żewġ wards biżżejjed, u issa reġa’ qed iwiegħdu f’din il-kampanja elettorali. In-nuqqas ta’ kredibbilità tal-Labour qiegħda anke fl-enerġija. Wara li għal snin il-Labour prova jwaħħal fl-interconnector għal kull problema fis-settur tal-enerġija, issa llum qed jitkellem dwar aktar interconnectors. Konferma oħra kif il-viżjoni tal-PN fl-enerġija snin ilu kienet waħda li tagħmel sens aktar mit-tanker tal-LNG li ġab il-Gvern. Ryan Callus qal li dawn l-eżempji juru li meta l-Labour jispiċċa bla ideat, jipprova jieħu l-ideat tal-Partit Nazzjonalista u jagħmilhom tiegħu. “Imitation is the best form of flattery. Imma meta tixxotta mill-ideat u tagħmel l-ideat ta’ ħaddieħor tiegħek, dak huwa kumpliment, iżda juri wkoll li m’għandek xejn ġdid x’toffri,” qal Ryan Callus. Huwa ċaħad ukoll il-propaganda tal-Partit Laburista dwar deputati tal-PN li għażlu li ma jerġgħux jikkontestaw, u qal li filwaqt li fil-PN kien hemm għażliet personali u liberi wara snin twal ta’ servizz, fil-Labour għandek deputati li mhux se jikkontestaw jew għax intremew, jew għax qed jibżgħu minn dak li joħroġ dwarhom fil-jiem li ġejjin, jew għax Robert Abela ħallihom barra mil-Kabinett. Ryan Callus qal li Alex Borg huwa żagħżugħ li għamel għażla ta’ servizz, u minflok għażel triq faċli għalih innifsu, għażel li jagħti sehmu għall-pajjiż. “Bl-għażla li għamel Alex Borg irnexxielu jerġa’ jagħmel mill-Partit Nazzjonalista partit żagħżugħ u jiġbed ħafna żgħażagħ. Alex Borg għandu kwalità importanti ħafna: jisma’ ħafna, u mhux biss jisma’, iżda jaġixxi fuq dak li jisma’,” qal Ryan Callus. Huwa temm jgħid li Malta u Għawdex għandhom bżonn Nifs Ġdid, u li l-uniku partit kredibbli għal Malta huwa l-Partit Nazzjonalista, b’Alex Borg bħala Prim Ministru. 03.05.2026
Read the original release at pn.org.mt/nifs-gdid-ghall-familji-u-dawk-li-jghixu-wahedhom-gvern-gdid-nazzjonalista-jrahhas-il-kontijiet-tad-dawl-bmedja-ta-30/