Show full text
GVERN ĠDID LABURISTA B’APPOĠĠ F’XIRI TA’ RESIDENZA WARA SEPARAZZJONI JEW DIVORZJU U IŻJED FIL-KURA BARRA MINN XTUTNA
F’attività politika fis-Siġġiewi, bħala parti mill-kampanja elettorali ‘Int Malta – Il-Ħolma Tiegħek, il-Proġett Tagħna’, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar żewġ miżuri soċjali b’saħħithom li jiggarantixxu kwalità tal-ħajja aħjar għal faxex oħrajn fost il-poplu Malti u Għawdxi.
Hawnhekk Dr Abela ħabbar kif Gvern ġdid Laburista qed jintrabat li jestendi l-għajnuna lil pazjenti li jmorru għall-kura barra minn xtutna.
Dan hekk kif adulti, li jintbagħatu fi sptarijiet barra, se jibda jkollhom sapport, li bħalissa jingħata lil tfal taħt it-18-il sena, fejn qarib jew persuna oħra takkumpanjahom f’din il-fażi delikata f’ħajjithom.
Hu spjega li, filwaqt li bħalissa l-ispejjeż tal-pazjenti diġà jkoprihom il-Gvern kif ukoll tal-ġenituri li jakkupanjaw il-minuri, issa din l-għajnuna se tiġi estiża lil persuna li takkumpanja pazjent adult.
Il-Prim Ministru spjega li din il-miżura ġiet proposta wara suġġerimenti minn familji, li ffaċċjaw diffikultajiet f’sitwazzjoni simili, u enfasizza li l-pajjiż għandu jkun hemm għal dawn il-persuni meta jkunu l-aktar fil-bżonn.
“Qalulna, imma, li meta persuna titla’ għall-kura barra minn Malta, il-Gvern iħallas, hekk hu, iħallas għall-pazjent. Jekk it-tfal ikunu taħt it-18-il sena, iħallas ukoll għaż-żewġ ġenituri. Imma staqsewni wkoll, qaluli li l-Gvern ma jistax jibda jkopri wkoll l-ispiża ta’ persuna li tkun qed takkumpanja barra minn Malta lill-persuna li tkun adulta. Jekk il-poplu se jkun qed jappoġġja lil dan il-moviment fl-elezzjoni li jmiss, din se tkun waħda mill-ewwel bidliet li nwegħedkom li nimplimentaw.”
IL-PRIM MINISTRU ROBERT ABELA
Sadanittant, il-Mexxej Laburista wkoll ħabbar miżura oħra soċjali li tgħin persuni oħrajn f’sitwazzjoni ta’ inċertezza f’ħajjithom.
Dan hekk kif persuni, li jkunu għaddew minn separazzjoni jew divorzju u qed ifittxu residenza ġdida fejn joqogħdu, se jibdew jitqiesu daqslikieku first-time buyers u allura jibbenefikaw mill-iskema ‘Our Next Home’, li tħabbret fil-bidu tal-kampanja elettorali.
B’hekk dawn jiffrankaw il-ħlas tal-boll meta jixtru proprjetà oħra, biex ikunu jistgħu jibdew ħajja ġdida b’aktar sostenn u stabbiltà.
Il-Prim Ministru sostna li ħadd m’għandu jitħalla waħdu meta jkollu jerġa’ jibni ħajtu mill-ġdid.
“L-iskema ‘Our Next Home’ tkun miftuħa għalihom ukoll, kemm għal dawk il-koppji li jkunu għaddew minn separazzjoni kif ukoll minn divorzju. Intom, għalhekk, li tridu tibdew il-ħajja mill-ġdid, għax ir-relazzjoni tagħkom għaddiet minn diffikultà u biegħejtu d-dar li kontu tgħixu fiha, tafu li din hi r-realtà li jgħaddu minnha ħafna: tbigħ id-dar matrimonjali, kulħadd jieħu s-sehem tiegħu wara li taqta’ l-loan, imbagħad tiġi biex tixtri żewġ proprjetajiet separati. M’aħniex se nħallukom waħedkom. Anke intom se tkunu qegħdin titqiesu bħala first-time buyers mill-ġdid u tiffrankaw il-boll fuq ix-xiri ta’ proprjetà ġdida.”
IL-PRIM MINISTRU ROBERT ABELA
Dr Abela qal li, anke biex isosnti lil dawk l-aktar vulnerabbli jew f’sitwazzjonijiet delikati tal-ħajja, Gvern ġdid Laburista se jara li jkompli jkabbar l-ekonomija, kif għamel fl-aħħar snin, waqt li jkompli jwieżen lill-familji u n-negozji, inkluż bis-super bonus ta’ €1,000 kull sena lill-full-timers kollha u pro-rata lill-part-timers kollha f’pajjiżna.
“Emmnu fija lkoll kemm intom, agħtuna mill-ġdid l-appoġġ tagħkom, qed nitlobkom li, għal darb’oħra, terġgħu tisilfuni l-fiduċja tagħkom, ejjew inkunu hemm flimkien, kollha kemm aħna għal pajjiżna, għandna bżonnkom flimkien, kull wieħed u waħda minnkom f’din is-sena tal-azzar tagħna, jekk naħdmu flimkien, konvint li naslu biex inkunu nistgħu nieħdu lil Malta u Għawdex tagħna fejn jixirqilhom biex Malta tkun hemm għal uliedha, għax ‘Int Malta – Il-Ħolma Tiegħek. Il-Proġett Tagħna’.”
IL-PRIM MINISTRU ROBERT ABELA
Read the original release at one.com.mt/il-pm-jhabbar-li-se-jestendi-l-ghajnuna-ghal-persuna-li-takkumpanja-pazjent-adult-barra-minn-xtutna/