Show full text
Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-poplu għandu għażla ċara bejn Partit Nazzjonalista b’ideat friski u viżjoni ċara u l-Labour li spiċċa jikkopja lill-PN wara li pprova jirredikola l-proposti tiegħu Il-Partit Nazzjonalista jipproponi u l-Partit Laburista l-ewwel jirredikola, imbagħad jispiċċa jikkopja u jagħmel tiegħu l-proposti tal-PN. We lead, they follow. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Rebekah Borg u Errol Cutajar qalu li din il-kampanja elettorali qed tikkonferma li l-Partit Nazzjonalista qed imexxi bl-ideat, bil-proposti u bil-viżjoni, filwaqt li l-Partit Laburista qed jagħmel U-turn wara ieħor u jikkopja proposti li qabel kien jattakka jew jirredikola. Fix-xhur u s-snin li għaddew il-Partit Nazzjonalista ppropona, u l-Labour irredikola. Issa spiċċa jagħti raġun lill-PN u jikkopja l-proposti biex taparsi jagħmilhom tiegħu. Huma taw għaxar eżempji ta’ dan: 1. Iċ-Child Trust Fund F’Novembru li għadda l-Partit Nazzjonalista ppropona Child Trust Fund fejn Gvern Nazzjonalista jiddepożita €5,000 għal kull wild ġdid, somma li tikber minn sena għal sena u tintuża meta dak il-wild ikun irid jagħmel pass importanti f’ħajtu. Il-Labour ikkritika l-proposta. Illum, lejlet l-elezzjoni, Robert Abela qed jitkellem dwar €5,000 birth bonus li iżda ma jmurx dirett għand il-wild. 2. Il-proposti tal-work-life balance Fl-2022, il-PN ppropona estensjoni tal-parental leave għal sena sħiħa bi ħlas. Il-Labour mar fil-Parlament u vvota kontra din l-estensjoni. Illum qed jipproponi parental leave ta’ sitt xhur. Sforz is-suppervja tiegħu, Gvern Laburista tellef lil ħafna ġenituri żmien ma’ wliedhom li ma jistgħux iġibuh lura. Issa donnhom stenbħu u qed iwegħdu xi forma ta’ estensjoni tal-leave. 3. Il-four-day week Meta Alex Borg ppropona konsultazzjoni dwar il-four-day week, Robert Abela tgħidx kemm għajjat u sejjaħlu irresponsabbli, u qal li qed jipperikola l-impjiegi u l-industrija. Imbagħad fl-1 ta’ Mejju, il-Prim Ministru mar quddiem in-nies u tkellem dwar diskussjoni biex il-ħaddiema jkollhom dritt japplikaw għal “compressed week”. JIġifieri qabad il-four-day week li tant irredikola, biddlilha l-isem u taparsi ħareġ biha hu. 4. Corporate tax Il-PN ippropona corporate tax ta’ 15% għal kulħadd biex ma jibqax ikun hemm diskriminazzjoni bejn kumpaniji Maltin u barranin. Il-Labour qal li dil-proposta tagħmel ħsara lill-finanzi pubbliċi. Illum, Robert Abel reġa’ bdielu u qed jipproponi rata mnaqqsa, mhux ta’ 15% imma ta’ 25% għal kumpaniji b’inqas minn €1 miljun turnover. Anke f’din prova jikkopja — iżda l-proposta tal-PN tibqa’ aħjar għax toħloq level playing field b’rata ta’ 15%. 5. Ippjanar Meta l-Partit Nazzjonalista propona riforma olisitika fl-ippjanar, tal-Labour qalu li din impossibbli. Imbagħad marru minn wara dahar kulħadd f’nofs is-sajf u ppruvaw jgħaddu tibdil fil-liġijiet tal-ippjanar. Bla konsultazzjoni ma’ ħadd. Issa lejliet elezzjoni Robert Abela qed jgħid li hemm punti li l-ENGOs qed jaqblu miegħu fuqhom, imma l-ENGOs stess giddbuh. Kredibbiltà ta’ xejn minn partit li fil-gvern ipprova jdaħħal tibdil bla ma kkonsulta ma’ ħadd. 6. Erba’ sptarijiet ġodda Il-Partit Nazzjonalista ħabbar pjan għal erba’ sptarijiet ġodda. Tal-Labour qalu li dan se jħarbat is-sistema tas-saħħa. Il-Labour ma għandu l-ebda kredibbiltà fis-saħħa meta bih fil-Gvern ħallasna mijiet ta’ miljuni u ma ħadna xejn. Kienu Gvernijiet Nazzjonalisti li kellhom viżjoni u llum allaħares ma kinux Mater Dei u l-Isptar t’Għawdex li għadhom il-pilastri tas-saħħa f’pajjiżna. Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista se jtejbu l-ħajjiet tan-nies. Li żgur mhux se jagħmlu hu li jitfgħu lill-pajjiż lura €900 miljun bħalma sar bil-ftehim li Chris Fearne stess kien sejjaħlu “the real deal” u li issa jrid jiddiżassoċja ruħu minnu. 7. Mediċini tal-kanċer b’xejn Fl-2021, il-Partit Nazzjonalista ppropona li l-mediċini tal-kanċer jingħataw b’xejn. Fl-2024, il-Ministru Jo Etienne Abela qal li dawn se jitneħħew mir-responsabbiltà tal-Malta Community Chest Fund u jibdew jiġu amministrati mill-Gvern, imma sal-lum baqa’ ma nbidel xejn. Saħansitra issa l-Labour qed jgħid li din ma tistax issir. B’Alex Borg Prim Ministru, il-mediċini kollha tal-kanċer kif ordnati mil-konsulenti jkunu b’xejn. 8. Vapuri ġodda għal Għawdex Il-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li n-Nikolaos huwa flus mormija l-baħar u li Għawdex għandu bżonn żewġ vapuri ġodda. Illum, wara snin sħaħ li l-Labour ħalla lill-Għawdxin b’karrakka, il-Labour qed jgħid li se jkun qed jibni vapuri ġodda. Wara li ħalla lill-Għawdxin bir-raċanċ, u ħela tlettax-il sena, issa jrid lill-Għawdxin jemmnuh. L-Għawdxin jafu li kien Gvern Nazzjonalista li fi ftit snin tahom tliet vapuri ġodda li għadhom isevuhom tajjeb sal-lum. 9. Saħħa mentali Fl-2023, il-Partit Nazzjonalista ppropona sptar ġdid għas-saħħa mentali qrib Mater Dei. Ftit wara, Chris Fearne mar jiġri jgħid li se jagħmel Sptar ġdid tas-Saħħa Mentali ħdejn Mater Dei. Ma sar xejn. Imbagħad inbidel il-Ministru u Jo Etienne Abela qal li ma kienx hemm bżonn sptar ġdid, u li żewġ wards ikunu biżżejjed. Issa, f’daqqa waħda, fil-kampanja elettorali, messithom qalbhom u l-Prim Ministru li m’għamel xejn għal snin sħaħ fis-saħħa mentali reġa’ ħareġ bil-wegħda ta’ sptar ġdid għas-saħħa mentali. Mur emmnu! 10. L-interconnector Għal snin sħaħ, il-Labour prova jwaħħal fl-interconnector għal kull problema fl-enerġija, meta għax ma nvestew xejn f’manutenzjoni kien jinqata’ d-dawl għal kull ħaġa ta’ xejn. Illum dak id-diskors spiċċa u l-interconnector tant sar tajjeb li għal wieħed se jkollna tnejn, u issa qed jitkellmu fuq it-tielet u r-raba’ interconnector. Il-Partit Nazzjonalista qal li dawn l-eżempji jikxfu Partit tal-Labour li għeja, li spiċċa bla ideat, bla direzzjoni u bla kredibbiltà. Partit Laburista li l-ewwel jattakka, imbagħad jagħmel U-turn, u fl-aħħar jikkopja lill-Partit Nazzjonalista. Il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista qalu li l-poplu għandu għażla ċara quddiemu: bejn Partit Nazzjonalista b’ideat friski, bil-viżjoni u b’tim lest biex jagħti Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex, u Partit Laburista li spiċċa jikkopja l-istess proposti li kien prova jirredikola. 04.05.2026
Read the original release at pn.org.mt/we-lead-they-follow-il-labour-l-ewwel-jipprova-jirredikola-lill-pn-u-mbaghad-jikkupjah/